Ġieli innutajt li fl-inkwadru titulari tal-Madonna tal-Grazzja hemm qaddis li hu nofsu moħbi?
- Zabbar.MT Team

- 2 days ago
- 1 min read

Il-qaddis nofsu moħbi bil-purtiera li żejjen l-inkwadru titulari tal-Madonna tal-Grazzja, mhu xejn ħlief San Bernard, li kien duttur u devot kbir tal-Madonna, u li llum il-Knisja tiċċelebra l-festa tiegħu.
San Bernard twieled ħdejn Dijon, Franza, fl-1090, għand familja nobbli u sinjura. Kellu trobbija tajba, u ta’ età żgħira tilef lil ommu. Ta’ 22 sena daħal Patri maċ-Ċistercersi fil-monasteru ta’ Citeaux; imbagħad sar Abbati (dak li jmexxi) fil-monasteru ta’ Clairvaux. San Bernard kien għalliem kbir fuq il-Madonna, u kiteb diversi testi u omeliji li jonoraw lill-Verġni Marija, fosthom it-talba sabiħa ‘Memorare’ – ‘Ftakar ja l-iżjed ħanina’. San Bernard miet fl-20 ta’ Awwisu 1153.

Imma kif San Bernard spiċċa fil-kwadru titulari tal-Madonna tal-Grazzja?
Kien il-Konti Bernard Piscopo Macedonia, mill-Belt Valletta, iżda devot kbir tal-Madonna tal-Grazzja, li kien ħallas għall-ispejjeż kollha tal-kwadru titulari tal-Madonna tal-Grazzja, impitter minn Alessio Erardi. Flok, bħalma kienet id-drawwa li l-pittur idaħħal ir-rittratt ta’ min offra l-pittura, il-Konti Piscopo Macedonia ried li jidher il-qaddis ta’ ismu, San Bernard. B’tifkira, l-artist daħħal ukoll l-arma tal-familja Piscopo Macedonia fir-rokna t’isfel fuq ix-xellug u kitba qasira.
Ejjew inħarsu lejn San Bernard, li b’sebgħu l-werrej qed jurina għand min għandna morru: jiġifieri għand l-Omm tal-Grazzja u binha Ġesù, li hu l-għajn ta’ kull grazzja.











Comments