L-għotja tal-kuruni tad-deheb
- Michael Buhagiar
- 2 minutes ago
- 1 min read

Fit-2 ta’ Settembru 1951, ftit qabel il-quddiesa solenni dakinhar tal-jum tal-Inkurunazzjoni solenni tal-Madonna tal-Grazzja, fl-9.45 a.m., sar kuntratt importanti. Dan l-att, ippubblikat quddiem in-Nutar John Micallef Trigona fis-Santwarju, juri d-devozzjoni profonda tal-poplu Malti lejn il-Madonna taħt it-titlu għażiż ta’ “Omm tal-Grazzji”.
Taħt it-titlu “Incoronazioni tal Madonna tal-Grazzji” in-nutar kiteb li quddiemu deher il-Prim Ministru Giorgio Borg Olivier (1911-1980), bħala rappreżentant tal-Poplu Malti, u l-Kappillan Dun Ġużeppi Zarb, bħala kappillan pro-tempore tal-parroċċa. Il-kuntratt ifakkar li l-kwadru antik tal-Madonna tal-Grazzja, kien ilu għal sekli meqjum b’qima kbira mingħajr waqfien, u l-grazzji maqlugħa kif jidher minn oġġetti prezzjużi mogħtija b’wegħda lis-Santwarju. Jirreferi wkoll għad-digriet tal-Kapitlu tal-Bażilika Vatikana, li awtorizza l-Inkurunazzjoni, u jsemmi li d-deheb u l-ħaġar prezzjuż tal-kuruni ngħataw b’mod spontanju mill-poplu, b’mod speċjali miż-Żabbarin u li ġew maħduma mill-arġentier Joseph Madiona fuq disinn tal-iskultur Emmanuele Buhagiar.
Permezz ta’ dan l-att, Borg Olivier ikkonsenja l-kuruni tad-deheb f’isem il-poplu Malti lill-Kappillan Dun Ġużeppi Zarb. Min-naħa tiegħu, il-Kappillan aċċettahom u obbliga lilu nnifsu u lis-suċċessuri tiegħu, taħt ġurament li ħa waqt il-kuntratt, li jżommuhom għal dejjem fuq ix-xbieha tal-Madonna u tal-Bambin.
Dan il-kuntratt li jinstab fl-Arkivju Nutarili fl-atti tan-nutar John Micallef Trigona jibqa’ xhieda sabiħa u dejjiema ta’ fidi, gratitudni u rabta ħajja bejn il-poplu Malti u l-Madonna tal-Grazzja meqjuma fis-Santwarju tagħha f’Ħaż-Żabbar.










Comments