Iż-Żabbari Brother Edward Galea jagħlaq 102 sena illum
- Zabbar.MT Team

- Aug 16
- 1 min read

Brother Edward Galea, wieħed minn ulied il-Misraħ f’Ħaż-Żabbar, jagħlaq 102 sena, wara ħajja straordinarja li ħaditu minn Ħaż-Żabbar sal-Ewropa fi żmien il-gwerra, u lura Malta għal aktar minn seba’ deċennji ta’ servizz fl-edukazzjoni.
Imwieled bħala Anthony Galea fis-16 ta’ Awwissu 1924, ta’ 14-il sena telaq minn Malta lejn Franza biex jibda l-formazzjoni tiegħu mal-Frères. Hemmhekk sab ruħu proprju f’nofs it-Tieni Gwerra Dinjija.
Waħda mill-aktar ġrajjiet inkredibbli ta’ ħajtu seħħet meta suldati Nażisti marru jfittxu lilu u żewġ Maltin oħra minħabba li kellhom passaporti Brittaniċi. Id-direttur tal-istitut qal lis-suldati li t-tliet żgħażagħ kienu diġà telqu. Ftit wara, Edward kellu jaħrab u jsib kenn fi skola oħra fi Franza. Huwa stess baqa’ jqis dak il-mument bħala wieħed providenzjali.

Fl-1945 irritorna Malta u beda l-missjoni twila tiegħu f’De La Salle College. Għadda minn diversi karigi, fosthom Direttur, Deputat Kap, għalliem u mentor, u saħansitra wara li għalaq il-100 sena baqa’ jattendi l-iskola, jitlob mal-istudenti u kultant jidħol għal għalliema nieqsa.
U fatt ħelu ieħor? Meta ġurnalist staqsieh dwar is-sigriet tal-ħajja twila tiegħu, Brother Edward ma tantx tah riċetta ta’ dieta perfetta: l-intervista ntemmet bih igawdi soft drink u pakkett crisps!
Mill-Misraħ f'Ħaż-Żabbar, għal Franza fi żmien in-Nażisti, u lura lejn ħajja ddedikata għall-edukazzjoni, Brother Edward huwa tassew 102 sena ta’ storja ħajja Żabbarija.










Comments