Talba, Arti u Devozzjoni
- Michael Buhagiar
- 3 days ago
- 2 min read

Biex tkun aktar imħeġġa d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Grazzja, il-Kappillan Ġużeppi Zarb ipprepara talba lill-Madonna biex id-devoti tagħha jitolbuHa tinterċedi għalihom ma’ binHa Ġesù fid-diffikultajiet tal-ħajja. Jidher li din it-talba nkitbet ftit xhur qabel l-Inkurunazzjoni mill-Kappillan stess peress li anke iffirmaha. L-oriġinal ta’ din it-talba jinstab fl-arkivju parrokjali.
Taħt it-titlu “Novena biex jinqalgħu l-Grazzji”, il-Kappillan Zarb kiteb din it-talba li ġejja:
O Marija Tezoriera tal-Grazzji kollha, Ghajn ta’ perseveranza ghat-tajbin u ta ndiema u mahfra ghall-hziena; Dawl fil-qerq u serhan fit-tahbit tal-hajja; Sahha u fejqan ghall-morda; Ieqaf mieghi Int, nitolbok, f’kull tfixkil li nsib ruhi fih, u aghtini l-grazzja li tant ghandi bżonn (Itlob il-grazzja)

Kbar u bla ghadd huma l-favuri li wrejt f’kull zmien lejn min lejk irrikorra. Inti hlist kemm il-darba l-missirijietna mill-flagelli tal-ġuh, tal-pestilenzi u tal-gwerra.
Rebbahthom kemm il-darba fit-taqbid u hlisthom mill-ehrex ghedewwa; Hares lili wkoll, nitolbok, mill-ghedewwa tar-ruh f’din il hajja u wara mewti taffili u qassarli l-pwieni tal-Purgatorju.
[Iff.] Par. Gius Zarb
Din it-talba kien ressaqha quddiem l-awtoritajiet Ekkleżjastiċi u kienet approvata miċ-ċensur Teoloġiku Patri Alfonso Camilleri O.F.M. bħal-lum, nhar l-24 ta’ Lulju 1951.
Meta tevalwa din it-talba, tintebaħ li l-Kappillan Zarb ried juri kemm il-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar akkumpanjat lid-devoti tagħha f’diversi diffikultajiet li ltaqgħu magħhom matul is-snin kull meta daru lejha. Minħabba li ritratti bil-kulur ma kinux jeżistu, l-Kappillan Zarb kien qabbad lill-Pittur magħruf Giovanni Battista Conti (1878-1970) li kien għadu kif lesta x-xogħol tal-pittura tal-Via Sacra fis-Santwarju biex ipitter kopja tal-kwadru titulari. Din il-pittura ntużat biex ġew ippubblikati santi devozzjonali b’din it-talba fuq wara. Din il-pittura damet tintuża ħafna għal dawn is-santi sakemm kien ittieħed ritratt professjonali mill-fotografu Raymond Gialanze (1965-2019) u beda jintuża minflok.
It-traskrizzjoni hi miktuba eżatt kif kien kitibha l-Kappillan Zarb










Comments