Minn films nhar ta’ Ħadd għall-festin
- Michael Buhagiar
- Jun 17
- 1 min read

Is-sala parrokkjali Notre Dame, magħrufa wkoll bħala s-Sala tal-Kappillan, kienet wieħed mill-proġetti ewlenin tal-Kappillan Dun Ġużepp Zarb matul il-parrokat tiegħu f’Ħaż-Żabbar. Din inbniet biex tipprovdi spazju għall-attivitajiet komunitarji li jsaħħu l-ħajja Nisranija tal-parroċċa.
L-ewwel ġebla tqiegħdet fl-4 ta’ Settembru 1955 u tbierket minn Mons. Salv Gatt. Is-sala Notre Dame ġiet inawgurata fl-1958, filwaqt li s-sala t’isfel, iddedikata lil San Ġużepp, infetħet is-sena ta’ wara. Għal ħafna snin, fis-sala kienu jintwerew films kull nhar ta’ Ħadd, u għadu jeżisti projector tad-ditta Ġermaniża Zeiss Ikon. Ħafna Żabbarin jiftakru wkoll il-festini u l-attivitajiet li saru hemmhekk.
Dan il-proġett kien parti mill-viżjoni ta’ Dun Ġużepp Zarb għal Pjazza Medjatriċi. Il-bini beda fl-1955 taħt it-tmexxija ta’ Salvu Buhagiar u Ġanni Axiak, bl-involviment ukoll ta’ Ġużeppi Sultana. Skont ir-rendikonti, il-bini u l-abbelliment swew madwar £31,000, b’ħafna xogħol isir volontarjament jew bi prezz imnaqqas.










Comments