Minn tħin tal-qamħ għal residenza
- Michael Buhagiar
- Jun 16
- 2 min read
Il-qamħ kien prodott essenzjali fl-iżvilupp tal-bniedem. Dan beda jiġi kkultivat fil-Lvant Nofsani fiż-Żmien Neolitiku madwar 9500 sena Q.K. F’Malta fiż-Żmien Medjavali kien hemm drabi li saret esportazzjoni ta’ qamħ u drabi oħra fejn kien hawn nuqqas tiegħu li wassal għall-ġuħ. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-awtoritajiet kienu jordnaw kontrolli ta’ prezzijiet, u saħansitra jordnaw lill-kursara Maltin biex jaqbdu kull bastiment li qed iġorr il-qamħ li jiltaqgħu miegħu irrispettivament mill-bandiera tiegħu.
L-imtieħen tar-riħ bdew jinbnew mill-Ordni ta’ San Ġwann mal-bidu tal-wasla tagħhom f’Malta u żammew monopolju fuqhom. Dan il-monopolju tneħħa fl-1838 mill-Ingliżi. L-akbar spinta fil-bini ta’ mtieħen fl-irħula bdiet mill-Gran Mastru Nicolas Cottoner fl-1663 u kompliet minn Gran Mastri oħra.
Il-mitħna ta’ Bir Għeliem jew ta’ Bulebel

Din il-mitħna li hi mibnija fl-area ta’ Bulebel kienet inbniet madwar l-1710 mill-Fondazzjoni tal-Gran Mastru Perellos. Din kienet tinkera mill-Gvern għall-ammont ta’ snin bl-offerti. Matul l-Imblokk tal-Franċiżi (1798-1800) madwarha nbnew difiżi biex jagħlqu t-toroq lejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun. Fl-1820 kienet mikrija lil Teresa Cutajar, armla b’ħafna tfal, li talbet aktar żmien biex tħallas l-arretrati. Għalhekk talbet aktar żmien lill-Gvern minħabba li kienet armla u kellha ħafna tfal. Warajha, fl-1831 kien hemm Giuseppe Grech li minħabba l-kompetizzjoni li kellu minn imtieħen oħra, talab u ngħata diversi riduzzjonijiet tal-kirja oriġinali. Baqgħet tintuża għal skop ta’ tħin tal-qamħ sal-1887 meta nbidlet f’residenza kif għadha sal-lum.
Il-mitħna ta’ Triq Bajjada

Din il-mitħna nbniet mill-privat madwar l-1870. Ftit wara bdew deħlin Malta mtieħen jaħdmu bl-istim u għalhekk mill-ewwel kellha kompetizzjoni ħarxa. Ma’ dawn il-problemi din il-mitħna sofriet ukoll ħsarat fil-makkinarju tagħha darbtejn. L-ewwel darba reġgħet intramat imma wara li reġa’ seħħ l-istess it-tieni darba din ġiet żarmatha għalkollox u nbidlet f’residenza.
Referenza: Vella, Clifford. L-Imtieħen Tat-Tħin Tal-Qamħ Fil-Gżejjer Maltin. 2011.










Comments