Kliem ta’ tifħir għall-Akkademja Mużikali tal-Bieraħ
- Zabbar.MT Team

- Aug 8
- 1 min read

Serata li tibqa’ mnaqqxa fl-istorja tal-Għaqda u ta’ Beltna. Hekk bosta qed jiddeskrivu l-Akkademja Mużikali li saret ilbieraħ fis-Santwarju t’Ommna tal-Grazzja.
L-Akkademja Mużikali, imtellgħa mill-Banda San Mikiel fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mill-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari t’Ommna tal-Grazzja, kienet suċċess ieħor li kompla jixhed il-ħidma, id-dedikazzjoni u l-livell mużikali li tħaddan l-Għaqda tagħna. Taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Matthew Grech, il-bandisti, flimkien mal-artisti mistiedna, taw wirja mużikali spettakolari bħal qatt qabel. Il-kantata, li damet ftit aktar minn siegħa u nofs, ma kinitx biss eloġju ta’ tifħir lill-Madonna, iżda wkoll espressjoni mużikali li xehdet il-kwalitajiet u l-livell artistiku tal-Banda San Mikiel.
Is-Santwarju deher tassew bħal qatt qabel; mimli emozzjoni, mużika u mumenti li fissru ħafna għaż-Żabbarin li attendew. Serata li żgur se tibqa’ mfakkra fl-istorja tal-Belt tagħna.
Il-lejla saret taħt il-patroċinju tal-Isqof Emeritus Joseph Allessandro u fil-preżenza ta’ bosta mistednin distinti, fosthom l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati l-Onor. Carmelo Abela, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà l-Onor. Glenn Bedingfield, Mro Carmel Grech, kif ukoll personalitajiet oħra.
Fid-diskorsi rispettivi tagħhom, kemm il-President tal-Għaqda, Quinton Scerri, kif ukoll l-Arċipriet Dun Roderick Camilleri, kellhom kliem ta’ tifħir għas-serata. Huma tennew li din kienet opportunità ta’ għaqda għall-poplu Żabbari u serata li se tibqa’ mnaqqxa fl-istorja.
Ringrazzjament mill-qalb imur lejn il-bandisti, il-kantanti, il-mużiċisti, dawk kollha involuti fil-produzzjoni, il-voluntiera u kull min ta sehmu sabiex din is-serata tkun suċċess kbir. Ringrazzjament ukoll lejn Patri Martin Mamo OFMCap u Patri Wistin Attard OFMCap li ħadu ħsieb il-lirika tal-kantata. Ritratti Edward A. Duncan











Comments