top of page
kalc.png

Fuq il-Baħar mal-Kursara Żabbarin


Galjotta tal-Gran Mastru Pinto mmexxija mill-Kursar Kaptan Pietro Zelalich tattakka bastiment Ottoman fl-1763 (Pittura fil-kollezzjoni Nazzjonali)
Galjotta tal-Gran Mastru Pinto mmexxija mill-Kursar Kaptan Pietro Zelalich tattakka bastiment Ottoman fl-1763 (Pittura fil-kollezzjoni Nazzjonali)

Qabel il-miġja tal-Kavallieri fl-1530, Maltin diġà kienu jiksbu liċenzji għall-korso. Din kienet attività awtorizzata b’liċenzja mill-ħakkiem biex bastimenti privati jattakkaw u jaħtfu ġid u nies mingħand l-għadu. Taħt l-Ordni ta’ San Ġwann, din l-attività kibret ħafna, speċjalment kontra l-Istat Ottoman u l-kummerċ Musulman. Il-korso ħoloq xogħol għal kaptana, baħrin, qaddiefa, kanunieri u nies oħra, kif ukoll għal dawk involuti fit-tarznari, fil-proviżjoni tal-ikel, fl-armar u fil-munizzjon. Wara spedizzjonijiet b’suċċess, f’Malta kienu jidħlu merkanzija, riżorsi u skjavi.


Għalkemm sa issa ma nstabux kaptana tal-korso minn Ħaż-Żabbar, diversi Żabbarin servew fuq dawn il-bastimenti. Hekk Giovanni Abela, Fortunato Bonnici, Martino Bonnici, Antonio Borg, Ġannmari Buhagiar ta’ temmtum, Michele Calleja, Francesco Cassar, Salvatore Dimech, Antonio Grech, Lorenzo Gusmano kienu baħrin. Salvatore Psaila kien ta’ kondotta kriminali u kien jinħeles mill-ħabs sakemm ikun ingaġġat fil-korso. 


Paolo Barbara u Giorgio Pace kienu qaddiefa tas-sengħa. Beninju Bianco kien nawċier, u kien irid jara li l-affarijiet kollha meħtieġa għal-vjaġġ kienu jitgħabbew fuq il-bastiment. Tommaso Caruana kien attiv ħafna fil-korso u nsibuh reġistrat ma’ tliet kaptana differenti. Francesco Cassar kien assistent tal-argużin li jieħu ħsieb l-iskjavi maqbuda iżda hu nnifsu spiċċa skjav fit-Turkija meta nqabad. Vincenzo Ellul kien kanunier. Dan kien xogħol speċjalizzat fuq bastiment u kien jitlob stamina kbira. 



Pittura tal-Port il-Kbir u Marsamxett fis-seklu 18 tal-artist Giuseppe Caloriti
Pittura tal-Port il-Kbir u Marsamxett fis-seklu 18 tal-artist Giuseppe Caloriti

Agostino Minuta li kien joqgħod il-Biċċieni kien logutenent mal-Kaptan Kalċidon Cachia. Minuta kien imqabbad bħala kaptan tal-priża biex iwassal bastiment maqbud lejn Malta fejn wieħed mill-baħrin qajjem irvell fuq dan il-bastiment. Iżda Agostino rnexxielu jaqdi l-missjoni tiegħu u jwassal il-bastiment maqbud Malta.


B’hekk xi Żabbarin kellhom sehem sħiħ f’din l-attività marittima, għaliex ħadmu u rriskjaw ħajjithom fuq il-baħar u kienu f’xifer il-mewt kemm-il darba.



Taqsira tal-kitba: Żabbarin abbord bastimenti Maltin tas-sibi (1760-1798) minn Liam Gauci tradotta għall-Malti minn Ludwig Camilleri li dehret f’Leħen is-Santwarju 2016, Nru, 127, pp. 38-41.



 
 
 

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 

© 2024 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@ZABBAR.ORG.MT

  • Facebook
  • Twitter
  • YouTube
  • Instagram
bottom of page