top of page
kalc.png

L-imxija tal-Influwenza Spanjola f’Ħaż-Żabbar tal-1918


Parir mis-Superintendent tas-Saħħa biex ma jinfetħux l-iskejjel f’Settembru 1918 minħabba l-Influwenza Spanjola (Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)
Parir mis-Superintendent tas-Saħħa biex ma jinfetħux l-iskejjel f’Settembru 1918 minħabba l-Influwenza Spanjola (Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)

Fl-1918 Ħaż-Żabbar kellu madwar 7,000 abitant. Il-lokalità kienet qed tieħu dehra aktar moderna: Triq is-Santwarju kienet infetħet fl-aħħar snin tas-seklu dsatax, sqaqien infetħu ma’ toroq prinċipali, u nies mill-ibliet bdew joqogħdu f’inħawi ġodda ’l bogħod mill-Misraħ u l-Biċċieni. F’dak iż-żmien Malta kienet taħt il-ħakma Ingliża, b’għoli tal-ħajja u tensjonijiet politiċi wara l-gwerra. Il-parroċċa kienet taħt il-Kappillan Leopoldu Farrugia sa Ottubru 1918, imbagħad tmexxiet mill-Viċi Kappillani Dun Calogero Azzopardi u Dun Salv Gatt sakemm laħaq Dun Ġużepp Camilleri fl-1919.


L-Influwenza Spanjola faqqgħet lejn tmiem l-Ewwel Gwerra Dinija (1914-18) u nfirxet malajr mad-dinja, l-aktar minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tal-Gwerra fit-trunċieri bejn Franza u l-Ġermanja, it-trasport ta’ suldati morda, l-isptarijiet iffullati u n-nuqqas ta’ iġjene. Għalkemm ma kinitx l-ewwel pandemija ta’ influwenza li laqtet lil Malta, kienet waħda mill-aktar qerrieda. L-isem “Spanjola” ġej mill-fatt li Spanja, li ma kinitx fil-gwerra, irrappurtat il-marda b’mod aktar miftuħ, filwaqt li pajjiżi oħra kienu suġġetti għaċ-ċensura u ma setgħux jirraportaw dwar din il-marda u l-imwiet ikkaġunati minnha.


Il-marda laqtet lil Malta fi tliet mewġiet. L-ewwel dehret bejn Ġunju u Awwissu 1918, iżda t-tieni mewġa, minn Settembru, kienet l-aktar qawwija. Sa Ottubru ġew irrappurtati 10,281 każ u 402 vittmi. Fl-1919 il-marda reġgħet feġġet, u b’kollox fost iċ-ċivili Maltin mietu 807 persuni. L-awtoritajiet ħadu miżuri ta’ iġjene, diżinfestazzjoni, edukazzjoni u kontroll tal-folol.


Fir-reġistru Libro Seppellimenti nel Cimitero di Casale Zabbar, miżmum fl-Arkivju Parrokkjali, insibu 19-il difna marbuta mal-pandemija. L-ewwel vittma kien Giovanni Azzopardi, ta’ 32 sena, fit-22 ta’ Settembru 1918. Ottubru kien l-agħar xahar, b’10 vittmi, li l-maġġoranza kellhom bejn 20 u 40 sena. Fosthom kien hemm ukoll erbat itfal taħt l-10 snin. Il-mejtin ġew irreġistrati b’bronco pneumonite, li kienet effett tal-Influwenza Spanjola, u ndifnu fiċ-ċimiterju parrokkjali. 


B’hekk, l-Influwenza Spanjola ma kinitx biss ġrajja internazzjonali, iżda wkoll episodju traġiku li laqat lill-poplu ta’ Ħaż-Żabbar.


 
 
 

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 

© 2024 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@ZABBAR.ORG.MT

  • Facebook
  • Twitter
  • YouTube
  • Instagram
bottom of page