Il-knisja filjali ta’ Santa Duminka Martri
- Michael Buhagiar
- Jul 6
- 1 min read

Santa Duminka kienet martri tas-seklu 3 minn Campania, fl-Italja. Minħabba t-twemmin tagħha fi Kristu, ingħatat lill-annimali slavaġ biex jikluha iżda wara li dawn ma għamlulha xejn, ir-Rumani qatgħulha rasha. Din il-qaddisa kienet meqjuma fi Sqallija u fir-rit Ortodoss tal-Lvant. Il-festa tagħha tiġi ċċelebrata fis-6 ta’ Lulju.
Il-knisja tagħha f’Ħaż-Żabbar tinsab mal-lemin tal-knisja ta’ Sant’ Andrija Appostlu, fi Triq Alessio Erardi u hija l-eqdem waħda mit-tnejn. Insibuha magħrufa bħala ta’ Rindieħ jew Rindechi, isem li, skont il-Professur Wettinger, huwa kunjom Lhudi. Dawn l-inħawi kienu diġà magħrufa hekk fl-1436.
Fl-1676, Domenica Grech għamlet tibdiliet fil-knisja: bidlet l-artal, għamlet dekorazzjonijiet ġodda u wkoll pittura titulari ġdida li fiha, fin-naħa t’isfel, kienet tidher hi u żewġha Federico Pratt.

Bħall-knisja ta’ ħdejha ntlaqtgħet waqt attakk fit-Tieni Gwerra Dinija. Fl-1954, waqt li kienet qed tkun irranġata saret sejba importanti. Meta nqala’ l-altar maġġur, warajh instab affresk li juri l-Madonna tal-Grazzja, lil Santa Katarina u lil Santa Duminka. Din hi l-eqdem xbieha f’Ħaż-Żabbar li fiha tidher il-Madonna tal-Grazzja. Il-pittura titulari u l-affresk jinsabu esebiti fil-Mużew tas-Santwarju. Illum din il-knisja hi wżata mill-grupp tal-Iscouts.










Comments