Krispin tal-Imbierek: l-imgħallem tal-kitarri
- Michael Buhagiar
- Jul 4
- 2 min read

Persuna li niftakar sew fil-Pjazza t’Isfel kien Krispin Attard, magħruf bil-laqam tal-Imbierek. Għalkemm kien bil-pensjoni, baqa’ jaħdem xogħol fl-injam u meta jmur xi ħadd ħdejh kien joqgħod jitkellem miegħu u jirrakkonta.
Fil-garaxx tiegħu, meta kien iżgħar, kien jaħdem il-frejgatini tal-injam, f’żewġ qisien differenti. Kien tgħallem din is-sengħa mingħand bennej tagħhom fil-Kalkara. Kien ukoll impjegat ma’ mastrudaxxa jaħdem l-aperturi li ħafna minnhom kienu saru bil-flus tal-War Damage. Kellhom ordni biex jaħdmuhom skont l-estetika tal-akwata fejn tkun il-binja.
Fl-1975, Krispin beda jaħdem il-kitarri. Ta’ dan kellu tifkira partikolari: biċċa mill-ajruplan Vulcan li sploda dik is-sena. Fuqha Krispin kiteb id-data tal-ġrajja: 14 t’Ottubru 1975. Kien jgħid lil kulħadd li ilu minn dik is-sena li kien beda jaħdem il-kitarri.
Il-garaxx tiegħu kien mimli b’għodda marbuta mas-sengħa tal-injam u biċċiet li bil-ħila tiegħu, finalment jiffurmaw il-kitarra. Peress li twieled fl-1931 kien jiftakar il-gwerra sew. Kien mar rifuġjat ir-Rabat mal-familja tiegħu, u aktar mill-biża’ u t-tiġrif tal-bombi, kien isemmi kemm kien diffiċli ssib x’tiekol.
Meta kien jaħdem mal-Gvern bħala mastrudaxxa kien isewwi l-kitarri ta’ sħabu iżda mbagħad Ġużeppi Borg imlaqqam Kikinu mill-Mosta, għallmu kif jaħdimhom. Is-sengħa kienet titlob li Krispin jagħżel l-injam bir-reqqa biex il-ħoss ikun sabiħ. Kellu wkoll is-sengħa tal-interzjar u għalhekk kien iħallat l-injam ta’ lwien differenti biex joħloq disinji sbieħ fil-kitarra. Interessanti li Krispin qatt ma tgħallem il-mużika u biex jikkorda l-kitarri kien iqabbad persuna taf il-mużika.

Barra żewġ qisien ta’ kitarra kien jagħmel ukoll il-kitarra tal-qarn. Ta’ min isemmi wkoll li Krispin kien ikkummissjonat jaħdem kitarri għall-Musical Instrument Museum f’Phoenix fl-Istati Uniti. Għalkemm kien bniedem sempliċi u kwiet, meta għadda għall-ħajja ta’ dejjem, nhar id-29 ta’ Ottubru 2021, kienu bosta dawk li fakkru l-memorja tiegħu fuq il-mezzi soċjali, fosthom studjużi tal-folklor u l-mużika Maltija.
Krispin jibqa’ mfakkar bħala wieħed minn dawk in-nies tas-sengħa li, bil-ħidma siekta tagħhom, żammew ħajja parti importanti mill-wirt artiġjanali u mużikali Malti.
Xi dettalji huma meħuda minn: Borg Paul P., Nismagħhom jgħidu ... (Vol. 2), pp. 474-83 (2012).










Comments