Għaliex l-20 ta’ Lulju 1949 jibqa’ jum importanti fl-istorja ta’ Ħaż-Żabbar?
- Michael Buhagiar
- 5 days ago
- 1 min read

Bħal-lum, fl-20 ta’ Lulju 1949, il-Kapitlu tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan approva li l-kwadru titulari ta’ Ħaż-Żabbar jiġi inkurunat solennement b’żewġ kuruni tad-deheb: waħda fuq ras il-Bambin u oħra fuq ras il-Madonna.
Din ix-xewqa kienet ilha bosta snin fil-qlub taż-Żabbarin. It-talba tressqet uffiċjalment quddiem l-Arċisqof Mikiel Gonzi waqt il-Vista Pastorali li kien qiegħed jagħmel f’Ħaż-Żabbar. Kien nhar it-13 ta’ Marzu 1949 meta membru tal-Azzjoni Kattolika, mill-gallarija taċ-Ċirkolu, qara messaġġ lill-Arċisqof f’isem il-poplu Żabbari u talab li l-kwadru titulari jkun inkurunat.
Mill-istess gallarija, l-Arċisqof wiegħed li kien se jagħmel ħiltu biex din it-talba tintlaqa’ mill-Vatikan. Għalhekk tressqet petizzjoni lill-Kapitlu tal-Vatikan, flimkien mad-dokumenti meħtieġa li kienu juru l-antikità tat-titular ta’ Ħaż-Żabbar, id-devozzjoni qadima u kontinwa lejh, kif ukoll ix-xhieda ta’ grazzji maqlugħa bl-interċessjoni tal-Madonna tal-Grazzja.

B’dawn id-dokumenti, fl-20 ta’ Lulju 1949, it-talba ġiet approvata. Madankollu, il-Kappillan Dun Ġużeppi Zarb ma kienx ġie mgħarraf minnufih b’din id-deċiżjoni. Kien biss wara li għamel kuntatt mal-Vatikan li sar jaf li t-talba kienet intlaqgħet. Għalhekk telaq minnufih lejn Ruma biex jiġbor id-digriet.
Din l-aħbar sabiħa u tant mistennija tħabbret quddiem folol kbar waqt il-pellegrinaġġ ta’ Ħadd in-Nies, fis-26 ta’ Frar 1950. Minn hemm bdew xhur ta’ tħejjijiet għal wieħed mill-akbar jiem fl-istorja ta’ Ħaż-Żabbar.










Comments