Il-vuċi li ħonqot il-Misraħ!
- Zabbar.MT Team

- Jul 15
- 1 min read

Ħaż-Żabbar jinsab imnikket bl-aħbar li d-DJ Ryan Spiteri, residenti l-Misraħ, fl-aħħar sigħat ħalla din id-dinja b’mod traġiku. Aħbar li ħasdet lill-komunità kollha u ħalliet vojt kbir fost il-familjari, il-ħbieb u dawk kollha li jingħaqdu minn sena għal oħra fil-festa Żabbarija.
Ryan twieled fid-29 ta’ Mejju 1979. Għex għal diversi snin f’Birżebbuġa u, f’dawn l-aħħar snin, kien residenti fostna f’Misraħ San Ġakbu, Ħaż-Żabbar.
Tul il-karriera tiegħu kien DJ fuq diversi stazzjonijiet tar-radju lokali, fosthom Capital Radio, Vibe FM u, aktar riċentement, ONE Radio. Kien magħruf l-aktar għall-imħabba tiegħu lejn il-mużika tas-snin disgħin, iżda wkoll għall-enerġija u l-atmosfera unika li kien joħloq kull fejn kien idoqq.
Wara d-debutt tiegħu fil-festa Żabbarija, ismu sar sinonimu mal-ispettaklu u l-briju li kien jagħti lill-festi madwar Malta u Għawdex. Kien ukoll popolari għall-avvenimenti li kien jorganizza b’mod regolari f’waħda mid-diskoteki ewlenin f’Malta.
Ryan kellu rabta speċjali ma’ Ħaż-Żabbar u mal-Misraħ, mhux biss għaliex kien residenti f’dawn l-inħawi, iżda wkoll għaliex il-vuċi tiegħu u l-mużika tiegħu sawru wħud mill-isbaħ mumenti tal-festa tagħna. Għal ħafna Żabbarin, il-preżenza tiegħu kienet parti inseparabbli mill-atmosfera unika li kienet tinħoloq fil-qalba tal-Misraħ.
Id-diska Soothing Tension tibqa’ għal dejjem marbuta ma’ Ryan. Hija kienet fetħet għall-ewwel darba l-ispettaklu tal-Ġimgħa filgħaxija tal-festa fl-2022 u, aktar tard, saret il-firma tiegħu, hekk kif kien idoqqha fil-Misraħ wara l-Marċ tat-Te Deum, kif ukoll f’għexieren ta’ marċi u festi oħra madwar Malta. Kull darba li tindaqq, se tibqa’ tfakkarna fih, fil-passjoni tiegħu għall-mużika u fil-ferħ li kien iwassal lil eluf ta’ nies.
Ryan Spiteri ħalla warajh wirt ta’ memorji, mużika u mumenti li se jibqgħu jgħixu fil-qalb. Il-vuċi tiegħu tista’ tissikket, iżda l-eku tagħha se jibqa’ jidwi fil-Misraħ għal ħafna snin li ġejjin.










Comments