Xhieda ta’ Għaqda: Il-Kapitlu ta’ Birkirkara u l-Inkurunazzjoni
- Javan Grech
- Jun 19
- 1 min read

L-Inkurunazzjoni solenni tal-Madonna tal-Grazzja kienet avveniment li ġabar flimkien mhux biss il-parroċċa Żabbarija, iżda l-Parroċċi Maltin. F’ittra ddatata fil-25 ta’ Ġunju 1951, il-kappillan Dun Ġużepp Zarb stieden lill-kapitlu ta’ Birkirkara biex jieħu sehem fil-funzjonijiet tal-inkurunazzjoni, partikolarment għall-Matutin u ċ-ċelebrazzjonijiet tas-7 u t-8 ta’ Settembru 1951, liema talba ġiet aċċettata. Il-minuti kapitulari ta’ Birkirkara juru wkoll kif il-kapitlu kien infurmat uffiċjalment dwar il-pjanijiet relatati mal-festi tal-Madonna tal-Grazzja u ddiskuta s-sehem tiegħu fihom.
Għalkemm il-korrispondenzi ma jagħmlu l-ebda referenza diretta għall-umbrellun u t-tintinnablu, ir-ritratti ta’ Jum l-Inkurunazzjoni juru li dawn is-simboli distintivi tal-bażilika kienu preżenti fil-funzjonijiet u l-purċissjoni solenni. Il-preżenza tagħhom tkompli tenfasizza l-importanza tal-Inkurunazzjoni għal Malta kollha.
Wara l-festi, il-Kappillan Zarb bagħat ittra ta’ ringrazzjament lill-Prepostu, fejn esprima l-apprezzament tiegħu f’ismu u f’isem il-poplu Żabbari għall-parteċipazzjoni tal-Kapitlu u għall-kontribut tiegħu għal din l-okkażjoni solenni.
Għal aktar tagħrif dwar l-Inkurunazzjoni, inħeġġukom tingħaqdu magħna nhar it-Tnejn, 29 ta’ Ġunju, fit-8.15pm ġewwa Misraħ San Ġakbu għall-ispettaklu mużikali “Inkurunata”.










Comments