top of page
kalc.png

Pjazza San Ġakbu u l-għajdut tal-pesta tal-1813


Bertu Baron
Bertu Baron

Xi snin ilu, fi Pjazza San Ġakbu, Bertu Baron li twieled fl-1933, irrakkontali dak li kienet tgħidlu nanntu. Skont ma kienet qaltlu, il-knisja ċkejkna ddedikata lil San Ġakbu l-Kbir kienet fejn illum tittella’ l-istatwa tal-Madonna tal-Assedju. Kien qalli wkoll li ġiet abbandunata għax, waqt il-pesta tal-1813, indifnet fiha persuna vittma tal-pesta, u minn hemm ’il quddiem in-nies beżgħu jidħlu fiha.


Din it-tradizzjoni tinsab ukoll għand E. B. Vella, li fl-1926 kiteb li wara l-1813 ħadd ma ried jidħol aktar fil-knisja. Madwar l-1862, il-Kappillan Giovanni Maria Vella neħħa r-rovini tal-ħitan tagħha u bi ftehim mal-Gvern ġew irranġati t-toroq tal-ġnub. L-art ingħatat biċ-ċnus, u flok il-knisja twaqqfet statwa tal-ġebel ta’ San Ġakbu Appostlu, skolpita minn Antonio Busuttil. Taħt din l-istatwa kien hemm żewġ oqbra bil-fdalijiet ta’ dawk li nstabu midfuna f’din il-knisja.



Xena tal-Belt Valletta maħkuma mill-epidemija tal-Pesta tal-1813, bil-mejtin jinġarru f’karru mgħasses mis-suldati u l-qassis idur mal-morda. (Ex-voto mogħti lill-Knisja ta’ Santa Barbara fil-Belt Valletta minn Nicola Bartolo)
Xena tal-Belt Valletta maħkuma mill-epidemija tal-Pesta tal-1813, bil-mejtin jinġarru f’karru mgħasses mis-suldati u l-qassis idur mal-morda. (Ex-voto mogħti lill-Knisja ta’ Santa Barbara fil-Belt Valletta minn Nicola Bartolo)

Id-dokumenti, iżda, juru storja oħra. Il-55 vittma tal-pesta f’Ħaż-Żabbar kienu ndifnu fiċ-ċimiterju parrokjali tal-llum magħruf bħala ta’ Ħabel ix-Xagħra, akkumpanjati mill-Kappillan Dun Baldassare Cassar liebes l-istola, u minn salib u erba’ fanali. Fil-knisja ta’ San Ġakbu ndifnu biss Anna Bonnici u t-tarbija tagħha, mgħammda b’urġenza, fil-11 ta’ Lulju 1813, bi prekawzjoni, għax żewġha Antonio u ommu Teresa kienu morda u mietu bil-pesta fl-24 ta’ Lulju. Jidher li d-diċerija għelbet il-verità u l-biża’ li ħakmet liż-Żabbarin wasslet biex din il-knisja tkun abbandunata.


Illum, Pjazza San Ġakbu tibqa’ ġġorr magħha din il-memorja — taħlita ta’ tradizzjoni orali, biża’ kollettiva u dokumentazzjoni storika li tgħinna nifhmu aħjar l-istorja tal-komunità Żabbarija.


 
 
 

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 

© 2026 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@ZABBAR.ORG.MT

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram
bottom of page