Minn fejn ġej il-laqam “Tal-Bajda”?
- Javan Grech
- Jul 3
- 1 min read
Il-laqam “Tal-Bajda” ilu jakkumpanja lis-soċjetà għal ħafna snin. Hemm diversi kitbiet jew stejjer li ġew irrakkuntati minn ta’ qabilna minn fejn oriġina, għalkemm diffiċli jiġi stabbilit b’ċertezza liema waħda hija l-verżjoni korretta, kollha jiffurmaw parti mill-folklor u l-identità tal-Għaqda.
L-ewwel verżjoni torbot il-laqam mal-firda li seħħet fi ħdan is-Società Filarmonica del Zabbar. Jingħad li wara din il-firda, is-Soċjetà riedet turi l-indipendenza tagħha mill-Banda l-oħra u għalhekk ittellgħet bandiera bajda fuq is-sede. Minn dak iż-żmien il-partitarji bdew jissejħu “tal-bandiera bajda”, laqam li maż-żmien tqassar għal “Tal-Bajda”.
It-tieni tradizzjoni hija marbuta ma’ ħarġa lejn ix-Xgħajra mmexxija minn Dun Vinċenz Pace, flimkien mal-partitarji tas-soċjetà. Jingħad li wara din il-ħarġa ttellgħet bandiera bajda bl-arma ta’ San Mikiel, li kien fiha l-ittri Q.U.D. (Quis ut Deus? – “Min bħal Alla?”). Peress li ħafna kienu jsibuha diffiċli jippronunzjaw l-ittra Q, bdew jgħiduhom bħala “Q(K)... U... D...”, li bil-mod il-mod inbidlet fil-kelma “Kukka”, li hija kelma antika flok bajda, b’hekk partitarji tal-banda l-ġdida li kienet twaqqfet wara baqgħu jsejħu l-Banda l-antika ta’ Ħaż-Żabbar “Tal-Kukka” li maż-żmien inbidlet “Tal-Bajda”.
It-tielet verżjoni tmur lura għal żmien il-vara l-antika tal-Madonna tal-Grazzja, li kienet tkun imlibbsa b’drapp abjad. Il-banda li dak iż-żmien kienet iddoqq wara l-vara fil-purċissjoni bdiet tissejjaħ “tal-Madonna l-Bajda”, u maż-żmien dan inbidel għal “Tal-Bajda”. Meta aktar tard twaqqfet is-Società Filarmonica del Zabbar fil-Misraħ, fejn kien ilu jsir it-tagħlim tal-mużika sa minn qabel l-1797, hemm min isostni li dan il-laqam baqa’ marbut mal-banda l-ġdida u baqa’ jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra.
Dawn l-istejjer juruna l-istorja rikka tal-Banda San Mikiel u jkomplu jtuna ħjiel tat-twaqqif tagħha.










Comments