It-Tnedija Uffiċjali tal-Festa – Żomm it-13 ta’ Awwissu Vojta
- Zabbar.MT Team

- Aug 2
- 1 min read

Eżatt xahar qabel il-festa tant mistennija tal-Madonna tal-Grazzja, l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel se tkun qed tniedi uffiċjalment il-programm tal-attivitajiet tal-festa 2026 permezz ta’ serata differenti u b’kunċett ġdid.
Nhar il-Ħamis 13 ta’ Awwissu, mit-8:00pm ’l quddiem, Verde Club Lounge se jilqa’ din l-attività speċjali li se tagħti bidu uffiċjali għall-kalendarju tal-festa. F’atmosfera eleganti, dawk preżenti se jkunu fost l-ewwel li jiskopru dak li l-Għaqda ħejjiet għal din is-sena storika, li fiha qed jitfakkar il-75 anniversarju mill-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari tal-Madonna tal-Grazzja.
Din is-sena tħejjiet skeda estensiva ta’ attivitajiet li jagħtu ġieħ lill-aspetti reliġjużi, kulturali u brijużi tal-festa, b’inizjattivi maħsuba għall-familja kollha u b’diversi sorpriżi li se jkomplu jagħmlu din il-festa waħda memorabbli.
Id-dħul għal din is-serata se jkun biss permezz ta’ booking bil-quddiem. Il-biljett, li jiswa €15, jinkludi rigal mal-entratura, kif ukoll inbid u għażla ta’ ikel tul is-serata kollha.
Żomm id-data vojta u ingħaqad magħna biex nibdew flimkien iċ-ċelebrazzjonijiet għall-festa tal-Madonna tal-Grazzja. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn zabbar.green/ilbidu jew billi ċċempel fuq 77001883. Titlifx din l-opportunità li tkun parti mill-bidu ta’ festa li se tibqa’ mfakkra.











Comments