top of page
kalc.png

Il-Misraħ: spazju, storja u identità Żabbarija


Sa mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel kienet stabbilita fl-inħawi ta’ Ħaż-Żabbar magħrufa bħala l-Misraħ. Matul is-snin, dan il-post serva bħala spazju importanti għall-attivitajiet kulturali u soċjali tal-Għaqda inkluż il-Kunċert Annwali tant mistenni fuq il-Planċier artistiku, kif ukoll għall-ħajja komunitarja taż-Żabbarin.


Fl-irħula Maltin, kont issib dawn il-pjazez u msieraħ li kienu propjetà pubblika fejn l-abitanti kienu jagħmlu l-kummerċ u attivitajiet soċjali. Fil-bidu tal-perjodu Ingliż, madwar l-1800, fil-wesgħa faċċata tal-każin kien inbena l-Ġnien tal-Kmand ta’ Ħaż-Żabbar. Il-kmandant kien Agostino Said, li kellu awtorità ċivili u kien ukoll jiddeċiedi kwistjonijiet żgħar ċivili bejn iż-Żabbarin.


Dan il-ġnien, imdawwar b’ħajt għoli, kien fih diversi siġar, uħud minnhom ġodda għal Malta. F’dawn il-ġonna saru wkoll esperimenti bikrin fil-kultivazzjoni tal-patata f’Malta, u wara ħafna reżistenza, il-bdiewa Maltin bdew jikkultivawha fuq skala akbar u saret wieħed mill-prodotti agrikoli ewlenin tal-pajjiż.


Madwar l-1880, Pasquale de Lorenzo, fundatur tal-Banda San Mikiel, flimkien ma’ oħrajn ressaq talbiet sabiex dan il-ġnien jitneħħa, il-ħitan jitwaqqgħu u l-ispazju jinbidel f’pjazza. Din il-pjazza ġiet imsemmija Misraħ Prince of Wales illum Misraħ is-Sliem. Tifkira importanti ta’ dan il-ġnien hija l-irħama li kienet fuq il-bieb prinċipali tiegħu. Meta l-ġnien tneħħa, din inżammet minn Pasquale de Lorenzo u aktar tard għaddiet għand Filippu Farrugia Guy. L-iskrizzjoni tgħid li l-ġnien kien inbena fi żmien Alexander Ball, f’isem Ġorġ III, Re tal-Gran Brittanja, għas-servizz tal-Logutenenti. Fl-1936, wara li nstabet għand Farrugia Guy u ħa pussess tagħha l-Gvern, din l-iskrizzjoni twaħħlet fil-post fejn għadha tinsab illum.


F’nofs il-Misraħ hemm ukoll funtana sabiħa tal-ġebel. Funtana simili ħafna tinsab fil-bitħa tal-Berġa ta’ Kastilja; dik ta’ Kastilja kienet oriġinarjament fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid.


B’hekk, il-Misraħ jibqa’ mhux biss spazju marbut mal-ħajja soċjali u kulturali ta’ Ħaż-Żabbar, iżda wkoll xhieda ta’ kapitli importanti fl-istorja urbana, amministrattiva u agrikola ta’ Malta.



Referenza: E. B. Vella, Ħaż-Żabbar bil-Ġrajja Tiegħu (1926), pp. 54-55


 
 
 

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 

© 2026 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@ZABBAR.ORG.MT

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram
bottom of page