Il-knisja ta’ Sant’Andrija f’Ħaż-Żabbar: sekli ta’ storja
- Michael Buhagiar
- Jun 11
- 1 min read

Din il-knisja tinstab fi Triq Alessio Erardi u fix-xellug tagħha tmiss magħha l-knisja ċkejkna oħra ta’ Santa Duminka u hi dedikata lil Sant Andrija Appostlu.
L-ewwel darba li nsibuha dokumentata hi fil-Vista Pastorali tal-Isqof Gargallo fl-1600 li jgħid li kienet fi stat tajjeb u tissakkar b’bieb tal-injam. Kiteb ukoll li din il-knisja kienet inbniet mill-familja Farrugia. Il-knisja kienet tippossedi tomnejn raba’ bil-bjar fihom. Mill-kirja tagħhom kienet issir il-festa tal-qaddis, b’quddiesa u bl-għasar u wkoll tingħata ikla lill-qassis.
Xi żmien wara din il-knisja ma baqħetx fi stat tajjeb u l-Isqof Balaguer Camarasa ipprofanaha u ma ħalliex li jsiru fiha servizzi liturġiċi. Iżda Giovanni Battista Barbara talab li jirranġaha u jipprovdi dak kollu meħtieġ biex tkun tista terġa tiffunzjona u barra l-festa ra li tkun organizzata fiha quddiesa kull nhar ta’ Ħadd. Fl-1801 il-Baruni Galea u ħutu li kienu jieħdu ħsieb din il-knisja stqarrew li minħabba l-inkwiet ta’ żmien il-Franċiżi ma setgħux jgħamlu s-servizzi liturġiċi f’din il-knisja. L-Isqof għalhekk ordna li l-flus li soltu jitħallsu, jingħataw karità lil foqra. F’din il-knisja nsibu altar wieħed b’niċċa fuq kull naħa. Fuq dan l-artal kien hemm kwadru titulari li juri l-qaddis, impitter fuq l-injam li nbidel għal pittura fuq it-tila. Din tal-aħħar għadha teżisti u tinstab konservata fil-Mużew tas-Santwarju. Il-bieb prinċipali għandu arkata fuqu u fuq din hemm tieqa ċkejkna. Fil-faċċata hemm ukoll kampnar b’salib ċkejken fuqu.
Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinija din il-knisja ċkejkna sofriet ħsarat strutturali meta bombi waqgħu fil-viċinanzi tagħha. Iżda fl-1959, bil-ħidma tal-Kappillan Ġużeppi Zarb wara li nħattet reġgħet inbniet mill-ġdid fuq l-istil oriġinali li kellha. Illum hi użata mill-grupp tal-Iscouts.
Riċerka: Michael Buhagiar u Ġużeppi Theuma










Comments