top of page
kalc.png

Għalfejn l-inkwadru tal-Madonna tal-Grazzja ġie inkurunat?


L-Arċisqof Mikiel Gonzi jinkuruna x-xbieha ta' Ġesu' tarbija
L-Arċisqof Mikiel Gonzi jinkuruna x-xbieha ta' Ġesu' tarbija

Meta inkwadru tal-Madonna jiġi inkurunat, dan isir bħala att ta’ venerazzjoni u mħabba kbira lejn Omm Alla. Din l-imħabba jkollha sens jekk qabel ikollha devozzjoni u relazzjoni ma’ binha Ġesù. L-inkurunazzjoni ta’ 75 sena ilu fil-Parroċċa tagħna tissejjaħ Inkurunazzjoni Kanonika: privileġġ mogħti mill-Papa jew mill-Kapitlu tal-Vatikan.  Dan juri lil Marija bħala Sultana tas-sema u l-art, kif ukoll il-Vatikan irrikonoxxa l-grazzji speċjali li nqalgħu bl-interċessjoni tal-Madonna. 


Id-devozzjoni kbira lejn il-Madonna tal-Grazzja ma bdietx 75 sena ilu, imma tmur lura sekli sħaħ, tidher b’mod ċar fil-pellegrinaġġi li kienu jsiru mill-Kavallieri ta’ San Ġwann lejn il-kappella ċkejkna tal-Madonna tal-Grazzja.


Bosta kappillani ħadmu bla heda biex ix-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja tiġi inkurunata, u hekk tinqata’ x-xewqa ta’ bosta Żabbarin u devoti Maltin. Ma kinitx xi xewqa b’xi sens ta’ frugħa, bħala tiżjin ieħor fis-Santwarju; kienet espressjoni ta’ qima u mħabba sinċiera lejn il-Madonna tal-Grazzja. Dun Ġużepp Zarb, meta sar kappillan tal-parroċċa, fl-1943, kien fehem sewwa dan kollu, u ntefa’ b’ruħu u ġismu biex iwettaq din il-missjoni. Huwa ħadem biex tinbena riċerka storika tad-devozzjoni tul is-sekli. Id-dokumenti li sab flimkien mal-grazzji kbar li nqalgħu wasslu biex titressaq talba lill-Arċisqof Gonzi u wara lill-Kapitlu tal-Vatikan. Fil-bidu tal-Lulju tal-1949, il-Kappillan Zarb ippreżenta t-talba personalment lill-Kapitlu tal-Vatikan, li tliet ġimgħat wara ħareġ id-digriet.

Id-disinn ta' Emmanuel Buhagiar li fuqhom ġew manifaturati bid-deheb il-kuruni tal-Madonna u Ġesu' tarbija
Id-disinn ta' Emmanuel Buhagiar li fuqhom ġew manifaturati bid-deheb il-kuruni tal-Madonna u Ġesu' tarbija

Nhar it-2 ta’ Settembru 1951, kien jum storiku għall-poplu Żabbari u dak Malti. L-Arċisqof Mikiel Gonzi inkuruna l-ewwel ix-xbieha tal-Bambin Ġesù, imbagħad ta’ Ommu Marija; u kif jgħid il-mibki Kav. Karmenu Ellul Galea: “intemmet fl-aħħar ix-xewqa ta’ qlubna”. 

 

Nhar it-Tnejn, 29 ta’ Ġunju, fit-8:15pm nistednukom tingħaqdu magħna ġewwa Misraħ San Ġakbu, għall-ispettaklu mużikali “Inkurunata”.


 
 
 

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 

© 2026 GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA BANDA SAN MIKIEL A.D 1883 - ZABBAR

MISRAĦ IS-SLIEM

ZABBAR. ZBR3140

MALTA

VO NUMBER 04/15

INFO@ZABBAR.ORG.MT

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram
bottom of page