Esperjenza s-Santwarju Bħal Qatt Qabel
- Zabbar.MT Team

- Jul 9
- 1 min read

Hekk kif Ħaż-Żabbar qed ikompli jgħix sena storika ta' tifkira u ċelebrazzjoni, il-Banda San Mikiel qed tħejji wieħed mill-aktar avvenimenti prestiġjużi fil-programm kommemorattiv tal-75 anniversarju mill-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari tal-Madonna tal-Grazzja.
Nhar il-Ġimgħa 7 ta' Awwissu 2026, mis-8.00pm 'l quddiem, il-Knisja Arċipretali u Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja se tiftaħ il-bibien tagħha għall-Akkademja Mużikali bl-isem "75 Sena Inkurunata – Is-Santwarju Bħal Qatt Qabel".
Taħt id-direzzjoni ta' Mro Matthew Grech, il-Banda San Mikiel, flimkien ma' numru ta' mużiċisti u artisti mistiedna, ser tippreżenta produzzjoni artistika ta' livell għoli li tgħaqqad il-mużika, il-kultura u d-devozzjoni.
Din l-akkademja mhijiex biss kunċert, iżda esperjenza unika fejn is-Santwarju ser jinbidel sabiex titgawda s-sbuħija arkitettonika tiegħu filwaqt li jagħti l-ġieħ mistħoqq lil din il-ġrajja li flimkien qegħdin infakkru bħala poplu wieħed Żabbari.
Fil-ġranet li ġejjin ser ikomplu jitħabbru aktar dettalji bi preparazzjoni għal dan l-avveniment, għalhekk int imħeġġeġ iżomm id-data vojta għal din is-serata storika.
75 Sena Inkurunata - opportunità unika biex wieħed jesperjenza l-armonija bejn il-fidi, il-mużika u l-arti f'wieħed mill-isbaħ santwarji ta' Malta.










Comments